Ħajja

Il-ħajja hija materja bi proċessi bijoloġiċi, bħas-senjalar u l-kapaċità li wieħed isostni lilu nnifsu. Deskrittivament il-ħajja tiġi definita bħala l-kapaċità ta' omeostażi, organizzazzjoni, metaboliżmu, tkabbir, adattament, rispons għall-istimoli u riproduzzjoni. Kull forma ta' ħajja eventwalment tasal għall-istadju tal-mewt, u l-ebda ħajja mhi immortali. Ġew proposti bosta definizzjonijiet filosofiċi tas-sistemi tal-ħajja, bħal sistemi li jorganizzaw lilhom infushom. Id-definizzjoni tal-ħajja hija kkumplikata iktar mill-viruses, li jirreplikaw biss fiċ-ċelloli ospitanti, u l-possibbiltà ta' ħajja ekstraterrestri, li jaf tkun differenti ħafna mill-ħajja fid-Dinja. Il-ħajja teżisti kullimkien fid-Dinja fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija, u bosta ekosistemi jifformaw il-bijosfera. Uħud minnhom huma ambjenti ibsin li jgħixu fihom biss l-estremofili. Il-ħajja f'ekosistema partikolari tissejjaħ il-bijota tagħha.
Il-ħajja ilha tiġi studjata minn żmien il-qedem, b'teoriji bħall-materjaliżmu ta' Empedokle li sostna li kienet magħmula minn erba' elementi esterni, u l-ilomorfiżmu ta' Aristotli li sostna li l-organiżmi ħajjin kellhom l-erwieħ u jinkorporaw kemm il-forma kif ukoll il-materja. Il-ħajja oriġinat mill-inqas 3.5 biljun sena ilu, u rriżultat f'antenat komuni universali. Il-ħajja evolviet fl-ispeċijiet kollha li jeżistu llum, flimkien ma' bosta speċijiet estinti, li wħud minnhom ħallew traċċi bħala fossili. It-tentattivi ta' klassifikazzjoni tal-organiżmi ħajjin bdiet ukoll permezz ta' Aristotli. Il-klassifikazzjoni moderna bdiet bis-sistema tan-nomenklatura binomjali ta' Carl Linnaeus fis-snin 40 tas-seklu 18.
L-organiżmi ħajjin huma magħmula minn molekoli bijokimiċi, iffurmat l-iktar minn ftit elementi kimiċi ewlenin. L-organiżmi ħajjin kollha jkun fihom żewġ tipi ta' makromolekoli, proteini u aċidi nukleiċi, u dawn tal-aħħar normalment ikun fihom id-DNA u l-RNA: dawn ikun fihom l-informazzjoni meħtieġa minn kull speċi, inkluż l-istruzzjonijiet għall-produzzjoni ta' kull tip ta' proteina. Il-proteini, min-naħa tagħhom, iservu bħala l-makkinarju li jwettaq il-bosta proċessi kimiċi tal-ħajja. Iċ-ċellola hija l-unità strutturali u funzjonali tal-ħajja. L-organiżmi iż-żgħar, inkluż il-prokarjoti (batterji u l-archaea), jikkonsistu minn ċelloli uniċi żgħar. L-organiżmi l-kbar, l-iktar l-ewkarjoti, jistgħu jikkonsistu minn ċelloli uniċi jew jistgħu jkunu multiċellolari bi struttura iktar kumplessa. Il-ħajja hija magħrufa li teżisti fid-Dinja biss iżda huwa maħsub li l-ħajja ekstraterrestri hija probabbli. Il-ħajja artifiċjali qed tiġi simulata u esplorata mix-xjenzati u mill-inġiniera.
Definizzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Sfida
[immodifika | immodifika s-sors]Id-definizzjoni tal-ħajja ilha sfida għax-xjenzati u għall-filosfi. Parzjalment dan għax il-ħajja hija proċess mhux sustanza. Dan huwa kkumplikat minħabba nuqqas ta' għarfien dwar il-karatteristiċi tal-entitajiet ħajjin, jekk hemm, li jaf żviluppaw 'il barra mid-Dinja. Tressqu wkoll definizzjonijiet filosofiċi, b'diffikultajiet simili dwar kif l-organiżmi ħajjin jiġu distinti mill-organiżmi mhux ħajjin. Kien hemm diversi dibattiti wkoll dwar id-definizzjonijiet legali, għalkemm dawn ġeneralment jiffukaw fuq id-deċiżjoni li bniedem jiġi ddikjarat mejjet, u r-rammifikazzjonijiet legali ta' din id-deċiżjoni. Ġew ikkompilati mill-inqas 123 definizzjoni tal-ħajja.
Bijota huwa raggruppament ta' organiżmi ħajjin, speċjalment l-annimali u l-pjanti, li jabitaw post u żmien speċifiku, bħal ekosistema jew bijoma; għaldaqstant, l-għan tal-konservazzjoni tan-natura hu li tippreserva l-bijota ta' ekosistema.
Deskrittiva
[immodifika | immodifika s-sors]Ladarba ma hemmx konsensus dwar definizzjoni tal-ħajja, il-biċċa l-kbira tad-definizzjonijiet attwali fil-bijoloġija, l-istudju xjentifiku tal-ħajja, huma deskrittivi. Il-ħajja titqies bħala karatteristika ta' xi ħaġa li tippreserva, tmexxi jew issaħħaħ l-eżistenza tagħha fl-ambjent partikolari. Dan jimplika l-karatteristiċi kollha jew il-biċċa l-kbira ta' dawn li ġejjin:
- Omeostażi: ir-regolazzjoni tal-ambjent intern biex jinżamm stat kostanti; pereżempju, il-produzzjoni tal-għaraq biex titnaqqas it-temperatura.
- Organizzazzjoni: l-għamla strutturali minn ċellola waħda jew iktar – l-unitajiet bażiċi tal-ħajja.
- Metaboliżmu: it-trasformazzjoni tal-enerġija, użata għall-konverżjoni tas-sustanzi kimiċi f'komponenti ċellolari (anaboliżmu) u għad-dekompożizzjoni tal-materja organika (kataboliżmu). L-organiżmi ħajjin jeħtieġu l-enerġija għall-omeostażi u għal attivitajiet oħra.
- Tkabbir: iż-żamma ta' rata ogħla ta' anaboliżmu milli ta' kataboliżmu. Waqt li jikber organiżmu jżid id-daqs u l-istruttura tiegħu.
- Adattament: il-proċess evoluzzjonarju li bih organiżmu jsir iktar kapaċi jgħix fil-ħabitat tiegħu.
- Rispons għall-istimoli: bħall-kontrazzjoni ta' organiżmu uniċellolari lil hinn minn sustanzi kimiċi esterni, ir-reazzjonijiet kumplessi jinvolvu s-sensi kollha tal-organiżmi multiċellolari, jew iċ-ċaqliq tal-weraq ta' pjanta lejn ix-xemx (fototropiżmu), u l-kemotaksi.
- Riproduzzjoni: il-kapaċità ta' produzzjoni ta' organiżmi individwali ġodda, asesswalment minn organiżmu ġenitur uniku jew sesswalment minn żewġ organiżmi ġenituri.
Mill-perspettiva tal-fiżika, organiżmu huwa sistema termodinamika bi struttura molekolari organizzata li tista' tirriproduċi lilha nnifisha u tevolvi sabiex tgħix. Termodinamikament, il-ħajja ġiet deskritta bħala sistema miftuħa li tuża l-aspetti tal-ambjenti tagħha biex toħloq kopji imperfetti tagħha nnifsiha. Spjegazzjoni oħra hija li l-ħajja tista' tiġi definita bħala "sistema kimika li ssostni lilha nnifisha kapaċi li tgħaddi mill-evoluzzjoni ta' Darwin", li hija definizzjoni adottat minn kumitat tan-NASA li pprova jiddefinixxi l-ħajja għall-iskopijiet tal-eżobijoloġija, abbażi ta' suġġeriment ta' Carl Sagan. Madankollu, din id-definizzjoni ġiet ikkritikata ferm minħabba li skontha, individwu uniku li jirriproduċi sesswalment mhuwiex ħaj peress li mhux kapaċi jevolvi waħdu.
Sistemi ħajjin
[immodifika | immodifika s-sors]Oħrajn għandhom puntdivista teoriku tas-sistemi ħajjin li mhux neċessarjament tiddependi fuq il-kimika molekolari. Definizzjoni sistematika partikolari tal-ħajja hi li l-organiżmi ħajjin jorganizzaw lilhom infushom u huma awtopojetiċi (jipproduċu lilhom infushom). Varjazzjonijiet ta' dan jinkludu d-definizzjoni ta' Stuart Kauffman bħala aġent awtonomu jew sistema b'diversi aġenti kapaċi jirriproduċi lilu nnifsu u jlesti mill-inqas ċiklu wieħed ta' ħidma termodinamika. Din id-definizzjoni hija estiża bl-evoluzzjoni ta' funzjonijiet ġodda maż-żmien. Is-sistemi ħajjin huma kkaratterizzati minn organizzazzjoni ġerarkika fuq diversi skali, li tvarja minn makkinarji molekolari għal ċelloli, organi, tessuti, organiżmi, popolazzjonijiet, ekosistemi, sal-bijosfera kollha.
Mewt
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-mewt hija t-terminazzjoni tal-funzjonijiet vitali jew tal-proċessi tal-ħajja kollha f'organiżmu jew f'ċellola. Waħda mill-isfidi tad-definizzjoni tal-mewt hi d-distinzjoni tagħha mill-ħajja. Il-mewt milli jidher tirreferi għal mument meta l-ħajja tintemm, jew meta jibda l-istat ta' wara l-ħajja. Madankollu, id-determinazzjoni meta tkun seħħet il-mewt hija diffiċli, għax sikwit it-tmiem tal-funzjonijiet tal-ħajja mhuwiex simultanju fost is-sistemi kollha tal-organi. Għaldaqstant, id-determinazzjoni tirrikjedi l-istabbiliment ta' linji kunċettwali bejn il-ħajja u l-mewt. Dan huwa problematiku minħabba li hemm ftit konsensus dwar kif il-ħajja tiġi definita. Għal millenji sħaħ, in-natura tal-mewt kienet tħassib ċentrali tat-tradizzjonijiet reliġjużi tad-dinja u tal-istħarriġ filosofiku. Bosta reliġjonijiet għandhom twemmin f'forma ta' ħajja wara l-mewt jew reinkarnazzjoni għar-ruħ, jew l-irxoxtar tal-ġisem fi stadju iktar 'il quddiem.
Viruses
[immodifika | immodifika s-sors]
Jekk il-viruses għandhomx jitqiesu bħala ħajjin huwa kontroversjali. Spiss jiġu kkunsidrati l-iktar bħala replikaturi tal-kodifikazzjoni tal-ġeni biss iktar milli forom ta' ħajja. Ġew deskritti bħala "organiżmi fit-tarf tal-ħajja" minħabba li għandhom ġeni, jevolvu permezz tas-selezzjoni naturali, u jirreplikaw billi jagħmlu diversi kopji tagħhom infushom permezz tal-awtoassemblaġġ. Madankollu, il-viruses ma għandhom metaboliżmu u jirrikjedu ċellola ospitanti biex jagħmlu prodotti ġodda. L-awtoassemblaġġ tal-viruses fi ħdan iċ-ċelloli ospitanti għandu implikazzjonijiet għall-istudju dwar l-oriġini tal-ħajja, peress li jaf jappoġġa l-ipoteżi li l-ħajja jaf bdiet bħala molekoli organiċi li kapaċi jagħmlu awtoassemblaġġ.
Storja tal-istudju
[immodifika | immodifika s-sors]Materjaliżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Uħud mill-iżjed teoriji bikrin tal-ħajja kienu materjalisti, u kienu jsostnu li dak kollu li jeżisti huwa materja, u li l-ħajja hija sempliċement forma kumplessa jew arranġament tal-materja. Empedokle (430 Q.K.) argumenta li kollox fl-univers huwa magħmula minn taħlita ta' erba' "elementi" eterni jew "għeruq ta' kollox": il-ħamrija, l-ilma, l-arja u n-nar. Kull forma ta' bidla tiġi spjegata mill-arranġament u mill-arranġament mill-ġdid ta' dawn l-erba' elementi. Id-diversi forom ta' ħajja huma kkawżati minn taħlita xierqa ta' elementi. Demokritu (460 Q.K.) kien atomista; huwa ħaseb li l-karatteristika essenzjali tal-ħajja kienet li jkollha ruħ (psike), u li r-ruħ, bħal kull ħaġa oħra, kienet magħmula minn atomi tan-nar. Huwa elabora dwar in-nar minħabba r-rabta apparenti bejn il-ħajja u s-sħana, u peress li n-nar jiċċaqlaq. B'kuntrast ma' dan, Platun sostna li l-dinja kienet organizzata skont forom permanenti, riflessi b'mod imperfett fil-materja; il-forom kienu jipprovdu d-direzzjoni jew l-intelliġenza, u b'hekk jispjegaw ir-regolaritajiet osservati fid-dinja.
Il-materjaliżmu mekkanistiku li oriġina fil-Greċja antika reġa' ġġedded u ġie rivedut mill-filosfu Franċiż René Descartes (1596–1650), li sostna li l-annimali u l-bnedmin kienu assemblaġġi ta' partijiet li kienu jaħdmu flimkien bħala makkinarju. Gottfried Wilhelm Leibniz enfasizza l-organizzazzjoni ġerarkika tal-makkinarji ħajjin, u fil-ktieb tiegħu Monadoloġija (1714) innota li "...il-makkinarji tan-natura, jiġifieri l-korpi ħajjin, xorta waħda huma makkinarji anke fl-iżgħar partijiet tagħhom, sal-infinità". Din l-idea ġiet żviluppata iktar minn Julien Offray de La Mettrie (1709–1750) fil-ktieb tiegħu L'Homme Machine. Fis-seklu 19, l-avvanzi fit-teorija ċellolari fix-xjenza bijoloġika ħeġġew dan il-ħsieb. It-teorija evoluzzjonarja ta' Charles Darwin (1859) hija spjegazzjoni mekkanistika dwar l-oriġini tal-ispeċijiet permezz tas-selezzjoni naturali. Fil-bidu tas-seklu 20, Stéphane Leduc (1853–1939) ippromwova l-idea li l-proċessi bijoloġiċi jistgħu jinftehmu f'termini ta' fiżika u ta' kimika, u li t-tkabbir tagħhom kien qisu dak ta' kristalli inorganiċi f'soluzzjonijiet tas-silikat tas-sodju. L-ideat tiegħu, spjegati fil-ktieb tiegħu La biologie synthétique, ġew irrifjutati b'mod wiesa' matul ħajtu, iżda reġgħu qanqlu interess fix-xogħol ta' Russell, Barge u kollegi oħra.
Ilomorfiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]
L-ilomorfiżmu hija teorija li ġiet espressa għall-ewwel darba mill-filosfu Grieg Aristotli (322 Q.K.). L-applikazzjoni tal-ilomorfiżmu għall-bijoloġija kienet importanti għal Aristotli, u l-bijoloġija ġiet koperta b'mod estensiv fil-kitbiet eżistenti tiegħu. Skont dan il-ħsieb, kollox fl-univers materjali għandu l-materja u l-forma, u l-forma ta' organiżmu ħaj hija r-ruħ tiegħu (bil-Grieg: psyche; bil-Latin: anima). Hemm tliet tipi ta' erwieħ: ir-ruħ veġetattiva tal-pjanti, li twassalhom biex jikbru, jiddiżintegraw u jitimgħu lilhom infushom, iżda li ma tikkawżax iċ-ċaqliq u s-sensazzjoni; ir-ruħ tal-annimali, li twassalhom biex jiċċaqilqu u jħossu; u r-ruħ razzjonali, li hija s-sors tal-kuxjenza u tar-raġunament, li (Aristotli kien jemmen li) tinstab fil-bniedem biss. Kull ruħ ogħla jkollha l-attributi kollha tar-ruħ inferjuri. Aristotli kien jemmen li filwaqt li l-materja tista' teżisti mingħajr il-forma, il-forma ma tistax teżisti mingħajr il-materja, u għaldaqstant ir-ruħ ma tistax teżisti mingħajr il-ġisem.
Dan ir-rakkont huwa konsistenti mal-ispjegazzjonijiet teoloġiċi tal-ħajja, li jsemmu fenomeni f'termini ta' skopijiet jew għanijiet. B'hekk, il-bjudija tal-pil tal-ors polari hija spjegata mill-iskop tiegħu ta' mimetizzazzjoni. Id-direzzjoni tal-kawżalità (mill-ġejjieni għall-imgħoddi) hija f'kontradizzjoni mal-evidenza xjentifika għas-selezzjoni naturali, li tispjega l-konsegwenza f'termini ta' kawża preċedenti. Il-karatteristiċi bijoloġiċi jiġu spjegati mhux billi wieħed iħares lejn ir-riżultati ottimali tal-ġejjieni, iżda billi wieħed iħares lejn l-istorja evoluzzjonarja tal-imgħoddi ta' speċi, li wasslet għas-selezzjoni naturali tal-karatteristiċi inkwistjoni.
Ġenerazzjoni spontanja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ġenerazzjoni spontanja kienet it-twemmin li l-organiżmi ħajjin jistgħu jifformaw mingħajr dixxendenza minn organiżmi simili. Tipikament, l-idea kienet li ċerti forom bħall-qamel setgħu jfeġġu minn materja inanimata bħat-trab jew is-suppost ġenerazzjoni staġonali tal-ġrieden u tal-insetti mit-tajn jew miż-żibel.
It-teorija tal-ġenerazzjoni spontanja ġiet proposta minn Aristotli, li kkompila u espanda x-xogħol tal-filosfi naturali preċedenti u d-diversi spjegazzjonijiet tal-qedem tad-dehra tal-organiżmi; din kienet meqjusa bħala l-aqwa spjegazzjoni għal żewġ millenji. Ġiet irrifjutata b'mod deċiżiv wara l-esperimenti ta' Louis Pasteur fl-1859, li espanda l-investigazzjonijiet tal-predeċessuri tiegħu bħal Francesco Redi. Ir-rifjut tal-ideat tradizzjonali tal-ġenerazzjoni spontanja ma għadux kontroversjali fost il-bijologi.
Vitaliżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-vitaliżmu huwa t-twemmin li hemm prinċipju tal-ħajja mhux materjali. Dan oriġina minn Georg Ernst Stahl (is-seklu 17), u baqa' popolari sa nofs is-seklu 19. Kien jappella għal filosfi bħal Henri Bergson, Friedrich Nietzsche, u Wilhelm Dilthey, anatomisti bħal Xavier Bichat, u spiżjara bħal Justus von Liebig. Il-vitaliżmu kien jinkludi l-idea li kien hemm differenza fundamentali bejn il-materja organika u inorganika, u t-twemmin li l-materja organika tista' tirriżulta biss mill-organiżmi ħajjin. Dan intwera li mhux minnu fl-1828, meta Friedrich Wöhler ħejja l-urea mill-materjali inorganiċi. Din is-sinteżi ta' Wöhler titqies bħala l-punt ta' tluq tal-kimika organika moderna. Din hija ta' importanza storika minħabba li għall-ewwel darba kompost organiku ġie prodott f'reazzjonijiet inorganiċi.
Matul is-snin 50 tas-seklu 19, Hermann von Helmholtz antiċipat minn Julius Robert von Mayer, wera li l-ebda enerġija ma tintilef fiċ-ċaqliq tal-muskoli, u ssuġġerixxa li ma kienet meħtieġa l-ebda "forza vitali" għaċ-ċaqliq tal-muskoli. Dawn ir-riżultati wasslu għall-abbandun tal-interess xjentifiku fit-teoriji vitalistiċi, speċjalment wara li Eduard Buchner wera li l-fermentazzjoni alkoħolika setgħet isseħħ f'estratti tal-ħmira ħielsa miċ-ċelloli. Minkejja dan, għadu jeżisti t-twemmin f'teoriji psewdoxjentifiċi bħall-omeopatija, li tinterpreta d-diversi mardiet u l-mard inġenerali bħala kkawżati minn disturbi f'forza vitali jew forza tal-ħajja ipotetiċi.
Żvilupp
[immodifika | immodifika s-sors]| Kronoloġija tal-ħajja | ||||||||||||||||||||||||||
| −4500 —
– — – −4000 — – — – −3500 — – — – −3000 — – — – −2500 — – — – −2000 — – — – −1500 — – — – −1000 — – — – −500 — – — – 0 — |
Ilma Ħajja uniċellolari Fotosinteżi Ħajja multiċellolari Pjanti Artropodi u Molluski Fjuri Dinosawri Primati Perjodu Adean Perjodu Arkean Perjodu Proterożojku Perjodu Fanerożojku |
| ||||||||||||||||||||||||
| (miljuni ta' snin ilu) | ||||||||||||||||||||||||||
Oriġini tal-ħajja
[immodifika | immodifika s-sors]L-età tad-Dinja hija madwar 4.54 biljun sena. Il-ħajja fid-Dinja ilha teżisti għal mill-inqas 3.5 biljun sena, bl-eqdem traċċi fiżiċi tal-ħajja li jmorru lura 3.7 biljun sena. L-istimi mill-kronoloġiji molekolari, kif miġbura fil-qosor fil-bażi tad-data pubblika ta' TimeTree, tqiegħed l-oriġini tal-ħajja għall-ħabta ta' 4.0 biljun sena ilu. L-ipoteżijiet dwar l-oriġini tal-ħajja jippruvaw jispjegaw il-formazzjoni ta' antenat komuni universali mill-molekoli organiċi sempliċi permezz tal-ħajja preċellolari għall-protoċelloli u l-metaboliżmu. Fl-2016 ġew identifikati bejn wieħed u ieħor sett ta' 355 ġen mill-aħħar antenat komuni universali.
Huwa maħsub li l-bijosfera żviluppat, mill-oriġini tal-ħajja 'l quddiem, mill-inqas xi 3.5 biljun sena ilu. L-iżjed evidenza bikrija tal-ħajja fid-Dinja tinkludi l-grafit bijoġeniku fil-blat metasedimentarju ta' 3.7 biljun sena ilu mill-Punent ta' Greenland u l-fossili mill-medda mikrobika li nstabu fil-ġebel ramli ta' 3.48 biljun sena ilu mill-Punent tal-Awstralja. Iktar reċentement, fl-2015, "il-fdalijiet tal-ħajja bijotika" nstabu fil-blat ta' 4.1 biljun sena ilu fil-Punent tal-Awstralja. Fl-2017 tħabbar li ġew skoperti mikroorganiżmi fossilizzati (jew mikrofossili) f'preċipitati ta' kanali idrotermali fil-Medda ta' Nuvvuagittuq ta' Quebec, il-Kanada, li kien qodma saħansitra 4.28 biljun sena, l-eqdem rekord tal-ħajja fid-Dinja. Dan jissuġġerixxi "l-emerġenza kważi istantanja tal-ħajja" wara l-formazzjoni tal-oċeani 4.4 biljun sena ilu, u mhux wisq wara l-formazzjoni tad-Dinja 4.54 biljun sena ilu.
Evoluzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-evoluzzjoni hija l-bidla fil-karatteristiċi ereditabbli tal-popolazzjoni bijoloġiċi tul ġenerazzjonijiet suċċessivi. Din tirriżulta fit-tfaċċar ta' speċijiet ġodda u spiss fl-għebien ta' speċijiet tal-qedem. L-evoluzzjoni sseħħ meta l-proċessi evoluzzjonarji bħas-selezzjoni naturali (inkluż is-selezzjoni sesswali) u l-att tal-effett ġenetiku fuq il-varjazzjoni ġenetika, u tirriżulta f'ċerti karatteristiċi bi frekwenza tiżdied jew tonqos fi ħdan popolazzjoni tul ġenerazzjonijiet suċċessivi. Il-proċess tal-evoluzzjoni wassal għall-bijodiversità f'kull livell tal-organizzazzjoni bijoloġika.
Fossili
[immodifika | immodifika s-sors]Il-fossili huma l-fdalijiet jew it-traċċi tal-organiżmi ppreservati tal-imgħoddi mbiegħed. It-totalità tal-fossili, kemm dawk skoperti kif ukoll dawk mhux skoperti, u l-kollokazzjoni tagħhom f'saffi (strati) ta' blat sedimentarju huma magħrufa bħala r-rekord tal-fossili. Eżemplar ippreservat jissejjaħ fossilu jekk ikun eqdem mid-data arbitrarja ta' 10,000 sena ilu. Għaldaqstant, il-fossili jvarjaw bħala età mill-iktar reċenti fil-bidu tal-perjodu Oloċen għall-iktar tal-qedem mill-perjodu Arċejan, sa 3.4 biljun sena ilu.
Estinzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-estinzjoni hija l-proċess li permezz tiegħu speċi tisparixxi għalkollox. Il-mument tal-estinzjoni huwa l-mewt tal-aħħar individwu ta' dik l-ispeċi. Minħabba li l-medda potenzjoni tal-ispeċijiet jaf tkun kbira ħafna, jaf ikun diffiċli li wieħed jiddetermina eżatt dak il-mument, u normalment dan isir b'mod retrospettiv wara perjodu ta' assenza apparenti. L-ispeċijiet isiru estinti meta ma jkunux kapaċi jgħixu iktar f'ħabitats li jkunu qed jinbidlu jew kontra kompetizzjoni superjuri. Iktar minn 99 % tal-ispeċijiet kollha li qatt għexu issa huma estinti. L-estinzjonijiet tal-massa jaf aċċelleraw l-evoluzzjoni billi pprovdew opportunitajiet għal gruppi ġodda ta' organiżmi biex jiddiversifikaw.
Kundizzjonijiet ambjentali
[immodifika | immodifika s-sors]
Id-diversità tal-ħajja fid-Dinja hija r-riżultat tal-interskambju dinamiku bejn l-opportunità ġenetika, il-kapaċità metabolika, l-isfidi ambjentali u s-simbjożi. Għall-biċċa l-kbira tal-eżistenza tagħha, l-ambjent abitabbli tad-Dinja ġie dominat mill-mikroorganiżmi u soġġetti għall-metaboliżmu u għall-evoluzzjoni tagħhom. Bħala konsegwenza ta' dawn l-attivitajiet mikrobiċi, l-ambjent fiżiku u kimiku fid-Dinja ilu jinbidel fuq skala taż-żmien ġeoloġika, u b'hekk jaffettwa l-andament tal-evoluzzjoni tal-ħajja sussegwenti. Pereżempju, ir-rilaxx tal-ossiġenu molekolari miċ-ċjanobatterji bħala prodott sekondarju tal-fotosinteżi wassal għal bidliet globali fl-ambjent tad-Dinja. Minħabba li l-ossiġenu kien tossiku għall-biċċa l-kbira tal-ħajja fid-Dinja fl-imgħoddi, dan wassal għal sfidi evoluzzjonarji ġodda, u fl-aħħar mill-aħħar wassal għall-formazzjoni tal-ispeċijiet ewlenin tal-annimali u tal-pjanti tad-Dinja. Dan l-interskambju bejn l-organiżmi u l-ambjent tagħhom huwa karatteristika inerenti tas-sistemi ħajjin.
Bijosfera
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-bijosfera hija s-somma globali tal-ekosistemi kollha. Tista' titqies ukoll bħala ż-żona tal-ħajja fid-Dinja, sistema magħluqa (apparti r-radjazzjoni solari u kożmika u s-sħana mill-ġewwieni tad-Dinja), u fil-biċċa l-kbira awtoregolatorja. L-organiżmi jeżistu f'kull parti tal-bijosfera, inkluż fil-ħamrija, fil-fawwariet termali, fil-blat f'fond ta' mill-inqas 19-il kilometru (12-il mil) taħt l-art, fl-iżjed partijiet fondi tal-oċeani, u f'għoli ta' mill-inqas 64 kilometru (40 mil) fl-atmosfera. Pereżempju, l-ispori tal-Aspergillus niger ġew individwati fil-mesosfera f'altitudni ta' bejn 48 u 77 kilometru. Taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar, il-forom tal-ħajja ġew osservati li jibqgħu ħajjin fil-vakwu tal-ispazju. Il-forom tal-ħajja joktru fit-Trunċiera fonda ta' Mariana, u fi ħdan il-blat sa 580 metru (1,900 pied; 0.36 mili) taħt il-qiegħ tal-baħar sa 2,590 metru (8,500 pied; 1.61 mil) tal-oċeani lil hinn mill-kosta tal-Majjistral tal-Istati Uniti, u 2,400 metru (7,900 pied; 1.5 mil) taħt il-qiegħ tal-baħar lil hinn mill-Ġappun. Fl-2014, il-forom tal-ħajja nstabu jgħixu 800 metru (2,600 pied; 0.50 mili) taħt is-silġ tal-Antartika. L-ispedizzjonijiet tal-Programm Internazzjonali ta' Skoperta tal-Oċeani sabu ħajja uniċellolari f'sediment ta' 120 °C xi 1.2 kilometru taħt il-qiegħ tal-baħar fiż-żona tas-subduzzjoni fil-Fondoq ta' Nankai. Skont riċerkatur, "Tista' ssib il-mikrobi kullimkien — jadattaw b'mod estremament tajjeb għall-kundizzjonijiet ta' madwarhom, u jibqgħu jgħixu kull fejn ikunu".
Medda ta' tolleranza
[immodifika | immodifika s-sors]Il-komponenti inerti ta' ekosistema huma l-fatturi fiżiċi u kimiċi neċessarji għall-ħajja — l-enerġija (id-dawl tax-xemx jew l-enerġija kimika), l-ilma, is-sħana, l-atmosfera, il-gravità, in-nutrijenti u l-protezzjoni mir-radjazzjoni solari ultravjola. Fil-biċċa l-kbira tal-ekosistemi, il-kundizzjonijiet ivarjaw binhar u minn staġun għall-ieħor. Sabiex jibqgħu jgħixu f'dawn l-ekosistemi, l-organiżmi jridu jkunu kapaċi jittolleraw firxa ta' kundizzjonijiet definiti bħala l-"medda ta' tolleranza". Lil hinn minn din il-medda hemm iż-"żoni tal-istress fiżjoloġiku", fejn l-għajxien u r-riproduzzjoni huma possibbli iżda mhux ottimali. Lil hinn minn dawn iż-żoni mbagħad hemm iż-"żoni tal-intolleranza", fejn l-għajxien u r-riproduzzjoni ta' dak l-organiżmu hija improbabbli jew impossibbli. L-organiżmi li għandhom medda wiesgħa ta' tolleranza għandhom distribuzzjoni iktar mifruxa mill-organiżmi b'medda dejqa ta' tolleranza.
Estremofili
[immodifika | immodifika s-sors]Sabiex jibqgħu jgħixu, xi mikroorganiżmi evolvew biex jifilħu għall-iffriżar, it-tnixxif totali, il-ġuħ, livelli għoljin ta' esponiment għar-radjazzjoni, u sfidi fiżiċi jew kimiċi oħra. Dawn il-mikroorganiżmi estremofili jistgħu jibqgħu ħajjin wara l-esponiment għal ċerti kundizzjonijiet għal perjodi twal. Jirnexxilhom jisfruttaw sorsi mhux komuni tal-enerġija. Il-karatterizzazzjoni tal-istruttura u tad-diversità metabolika tal-komunitajiet mikrobiċi f'tali ambjenti estremi hija kontinwa.
Klassifikazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Antikità
[immodifika | immodifika s-sors]
L-ewwel klassifikazzjoni tal-organiżmi saret mill-filosfu Grieg Aristotli (384–322 Q.K.), li ġabar l-organiżmi ħajjin f'pjanti jew f'annimali, abbażi prinċipalment tal-kapaċità tagħhom li jiċċaqilqu. Huwa ddistingwa l-annimali bid-demm mill-annimali bla demm, li jista' jitqabbel mal-kunċetti ta' vertebrati u invertebrati rispettivament, u qasam l-annimali bid-demm f'ħames gruppi: kwadrupedi vivipari (mammiferi), kwadrupedi ovipari (rettili u anfibji), għasafar, ħut u balieni. L-annimali bla demm ġew maqsuma f'ħames gruppi: ċefalopodi, krustaċji, insetti (li kienu jinkludu l-brimb, l-iskorpjuni u ċ-ċentipiedi), annimali bil-qxur (bħall-biċċa l-kbira tal-molluski u tal-ekinodermi) u żoofiti (l-annimali li kienu qishom pjanti). Din it-teorija baqgħet dominanti għal iktar minn elf sena.
Linnaeus
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-aħħar tas-snin 40 tas-seklu 18, Carl Linnaeus introduċa s-sistema tiegħu tan-nomenklatura binomjali għall-klassifikazzjoni tal-ispeċijiet. Linnaeus ipprova jtejjeb il-kompożizzjoni u jnaqqas it-tul tal-ismijiet preċedenti b'ħafna kelmiet billi jabolixxi r-retorika bla bżonn, billi jintroduċi termini deskrittivi ġodda u billi jiddefinixxi b'mod preċiż it-tifsira tagħhom.
Il-fungi oriġinarjament ġew ittrattati bħala pjanti. Għal perjodu qasir Linnaeus kien ikklassifikahom fit-takson Vermes fl-Animalia, iżda iktar 'il quddiem reġa' poġġihom fil-Plantae. Herbert Copeland ikklassifika l-Fungi fil-Protoctista tiegħu, u inkludihom flimkien mal-organiżmi uniċellolari, u għaldaqstant evita l-problema parzjalment iżda rrikonoxxa l-istatus speċjali tagħhom. Il-problema eventwalment ġiet solvuta minn Whittaker, meta tahom ir-renju tagħhom stess fis-sistema tiegħu b'ħames renji. L-istorja evoluzzjonarja turi li l-fungi huma iktar relatati mill-qrib mal-annimali milli mal-pjanti.
Malli l-avvanzi fil-mikroskopija ppermettew l-istudju dettaljat taċ-ċelloli u tal-mikroorganiżmi, ġew żvelati gruppi ġodda ta' ħajja, u nħolqu l-oqsma tal-bijoloġija ċellolari u tal-mikrobijoloġija. Dawn l-organiżmi ġodda oriġinarjament kienu deskritti separatament fil-protożoa bħala annimali u fil-protofiti/fit-tallofiti bħala pjanti, iżda ġew magħquda minn Ernst Haeckel fir-renju Protista; iktar 'il quddiem, il-prokarjoti nqasmu fir-renju Monera, li eventwalment inqasam f'żewġ gruppi separati, il-Bacteria u l-Archaea. Dan wassal għal sistema ta' sitt renji u eventwalment għas-sistema attwali ta' tliet dominji, li hija bbażata fuq ir-relazzjonijiet evoluzzjonarji.
Madankollu, il-klassifikazzjoni tal-ewkarjoti, speċjalment tal-protisti, għadha kontroversjali.
Mal-iżvilupp tal-mikrobijoloġija, ġew skoperti l-viruses, li mhumiex ċellolari. Jekk dawn jitqisux bħala ħajjin ilu jiġi dibattut; il-viruses ma għandhomx il-karatteristiċi tal-ħajja bħal membrani ċellolari, metaboliżmu u l-kapaċità li jikbru jew jirrispondu għall-ambjenti tagħhom. Il-viruses ġew ikklassifikati f'"speċijiet" abbażi tal-ġenetika tagħhom, iżda bosta aspetti ta' tali klassifikazzjoni għadhom kontroversjali.
Is-sistema oriġinali ta' Linnaeus ġiet immodifikata bosta drabi, pereżempju kif ġej:
| Linnaeus
1735 |
Haeckel
1866 |
Chatton
1925 |
Copeland
1938 |
Whittaker
1969 |
Woese et al.
1990 |
Cavalier-Smith
1998, 2015 |
|---|---|---|---|---|---|---|
| 2 renji | 3 renji | 2 imperi | 4 renji | 5 renji | 3 dominji | 2 imperi,
6/7 renji |
| (mhux trattati) | Protista | Prokaryota | Monera | Monera | Bacteria | Bacteria |
| Archaea | Archaea (2015) | |||||
| Eukaryota | Protoctista | Protista | Eucarya | "Protozoa" | ||
| "Chromista" | ||||||
| Vegetabilia | Plantae | Plantae | Plantae | Plantae | ||
| Fungi | Fungi | |||||
| Animalia | Animalia | Animalia | Animalia | Animalia |
It-tentattiv ta' organizzazzjoni tal-ewkarjoti f'għadd żgħir ta' renji ġie kkontestat. Il-Protozoa ma jiffurmawx raggruppament naturali, u lanqas il-Chromista (Chromalveolata).
Metaġenomika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kapaċità ta' sekwenzjar ta' għadd kbir ta' ġenomi kompluti ppermettiet lill-bijologi jkollhom viżjoni metaġenomika tal-filoġenija tas-siġra sħiħa tal-ħajja. Dan wassal għar-realizzazzjoni li l-maġġoranza tal-organiżmi ħajjin huma batterji, u li kollha għandhom oriġini komuni.
Kompożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Elementi kimiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-forom kollha ta' ħajja jirrikjedu ċerti elementi kimiċi ewlenin biex jiffunzjonaw bijokimikament. Dawn jinkludu l-karbonju, l-idroġenu, in-nitroġenu, l-ossiġenu, il-fosforu u l-kubrit — il-makronutrijenti tal-elementi għall-organiżmi kollha. Dawn flimkien jirrappreżentaw l-aċidi nuklejċi, il-proteini u l-lipidi, il-qofol tal-materja ħajja. Ħamsa minn dawn is-sitt elementi jinkludu l-komponenti kimiċi tad-DNA, bl-eċċezzjoni tal-kubrit. Dan tal-aħħar huwa komponent tal-aminoaċidi ċistein u metjonin. L-iżjed abbundanti fost dawn l-elementi fl-organiżmi huwa l-karbonju, li għandu l-karatteristika mixtieqa ta' legatur kovalenti stabbli u multiplu. Dan jippermetti lill-molekoli bbażati bil-karbonju (organiċi) jiffurmaw il-varjetà immensa ta' arranġamenti kimiċi deskritti fil-kimika organika. Tipi ipotetiċi alternattivi tal-bijokimika ġew proposti li jeliminaw wieħed jew iktar minn dawn l-elementi, jissostitwixxu xi elementi għal ieħor mhux fil-lista, jew jibdlu l-kiralitajiet meħtieġa jew xi proprjetajiet kimiċi oħra.
DNA
[immodifika | immodifika s-sors]L-aċidu deossiribonuklejku jew id-DNA hija molekola li ġġorr il-biċċa l-kbira tal-istruzzjonijiet ġenetiċi fit-tkabbir, fl-iżvilupp, fil-funzjonament u fir-riproduzzjoni tal-organiżmi ħajjin magħrufa kollha u ta' bosta viruses. Id-DNA u l-RNA huma aċidi nuklejċi; flimkien mal-proteini u mal-karboidrati kumplessi, dawn huma wieħed mit-tliet tipi ewlenin ta' makromolekoli li huma essenzjali għall-forom magħrufa kollha ta' ħajja. Il-biċċa l-kbira tal-molekoli tad-DNA jikkonsistu minn żewġ razez bijopolimeriċi b'koljatura ma' xulxin biex jiffurmaw spiral doppju. Iż-żewġ razez tad-DNA huma magħrufa bħala polinukleotidi peress li huma magħmula minn unitajiet iktar sempliċi msejħa nukleotidi. Kull nukleotid huwa magħmul minn nukleobażi li fiha n-nitroġenu — ċitosina (C), gwanina (G), adenina (A) jew timina (T) — kif ukoll zokkor imsejjaħ deossiribożju u grupp ta' fosfati.
In-nukleotidi huma magħqudin ma' xulxin permezz ta' katina b'legaturi kovalenti bejn iz-zokkor ta' nukleotid wieħed u l-fosfat tan-nukleotid ta' wara, u dan jirriżulta f'sinsla alternanti ta' zokkor u ta' fosfati. Skont ir-regoli tal-pari bażi (A ma' T, u Ċ ma' G), il-legaturi tal-idroġenu jingħaqdu mal-bażijiet bin-nitroġenu taż-żewġ razez separati ta' polinukleotidi biex jiffurmaw DNA b'żewġ razez. Dan għandu l-karatteristika ewlenija li kull razza jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex terġa' tinħoloq ir-razza l-oħra, u b'hekk l-informazzjoni tibqa' ppreservata matul ir-riproduzzjoni u d-diviżjoni ċellolari. Fi ħdan iċ-ċelloli, id-DNA hija organizzata fi strutturi twal imsejħa kromożomi. Waqt id-diviżjoni ċellolari dawn il-kromożomi jirdoppjaw fil-proċess tar-replikazzjoni tad-DNA, u b'hekk kull ċellola tiġi pprovduta b'sett sħiħ ta' kromożomi tagħha stess. L-ewkarjoti jaħżnu l-biċċa l-kbira tad-DNA tagħhom fi ħdan in-nukleu taċ-ċelloli.
Ċelloli
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċelloli huma l-unità bażika tal-istruttura ta' kull organiżmu ħaj, u ċ-ċelloli kollha jfeġġu minn ċelloli eżistenti permezz tad-diviżjoni. It-teorija ċellolari ġiet ifformulata minn Henri Dutrochet, Theodor Schwann, Rudolf Virchow u oħrajn matul il-bidu tas-seklu 19, u sussegwentement ġiet aċċettata b'mod wiesa'. L-attività ta' organiżmu tiddependi fuq l-attività totali taċ-ċelloli tagħha, bi fluss tal-enerġija fi ħdanhom u bejniethom. Iċ-ċelloli jkun fihom l-informazzjoni ereditarja li tinġarr bħala kodiċi ġenetiku waqt id-diviżjoni taċ-ċelloli.
Hemm żewġ tipi primarji ta' ċelloli, li jirriflettu l-oriġini evoluzzjonarji tagħhom. Iċ-ċelloli prokarjoti ma fihomx nukleu u organelli oħra relatati mal-membrana, għalkemm għandhom DNA ċirkolari u ribożomi. Il-Bacteria u l-Archaea huma żewġ dominji tal-prokarjoti. It-tip primarju l-ieħor hija ċ-ċellola ewkarjota, li jkollha nukleu distint imdawwar minn membrana tan-nukleu u organelli relatati mal-membrana, inkluż mitokondriji, kloroplasti, lisożomi, retikulu endoplażmatiku aħrax u lixx, u vakwoli. Barra minn hekk, id-DNA tagħhom tkun organizzata f'kromożomi. L-ispeċijiet kollha ta' organiżmi kumplessi kbar huma ewkarjoti, fosthom l-annimali, il-pjanti u l-fungi, għalkemm b'diversità kbira ta' mikroorganiżmi protisti. Il-mudell konvenzjonali jsostni li l-ewkarjoti evolvew mill-prokarjoti, u l-organelli prinċipali tal-ewkarjoti ffurmaw permezz tal-endosimbjożi bejn il-batterji u ċ-ċellola ewkarjotika proġenitur.[1][2]
Il-mekkaniżmi molekolari tal-bijoloġija ċellolari huma bbażati fuq il-proteini. Il-biċċa l-kbira minnhom huma sintetizzati mir-ribożomi permezz ta' proċess katalizzat mill-enzimi msejjaħ bijosinteżi. Sekwenza ta' aminoaċidi tiġi assemblata u tingħaqad abbażi tal-espressjoni ġenetika tal-aċidu nuklejku taċ-ċelloli. Fiċ-ċelloli ewkarjotiċi, dawn il-proteini mbagħad jistgħu jiġu ttrasportati u pproċessati permezz tal-apparat ta' Golgi bi tħejjija għad-dispaċċ għad-destinazzjoni tagħhom.
Iċ-ċelloli jirriproduċu permezz ta' proċess ta' diviżjoni taċ-ċelloli li fih iċ-ċellola ġenitur tinqasam f'żewġ ċelloli wlied jew iktar. Għall-prokarjoti, id-diviżjoni taċ-ċelloli sseħħ permezz ta' proċess ta' fissjoni fejn id-DNA tiġi replikata, u mbagħad iż-żewġ kopji jinhemżu ma' partijiet mill-membrana ċellolari. Fl-ewkarjoti jseħħ proċess iktar kumpless ta' mitożi. Madankollu, ir-riżultat huwa l-istess; il-kopji ċellolari li jirriżultaw ikunu identiċi għal xulxin u għaċ-ċellola oriġinali (għajr għal mutazzjonijiet), u t-tnejn ikunu kapaċi jinqasmu iktar tul perjodu bejn il-fażijiet. Il-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet ta' pjanti multiċellolari, tal-annimali u tal-fungi kif ukoll bosta protisti, huma kapaċi jagħmlu riproduzzjoni sesswali. Ir-riproduzzjoni sesswali, li tinvolvi proċess mejotiku, titqies li feġġet kmieni ħafna fl-evoluzzjoni tal-ewkarjoti.
Struttura multiċellolari
[immodifika | immodifika s-sors]L-organiżmi multiċellolari jaf evolvew għall-ewwel darba permezz tal-formazzjoni ta' kolonji ta' ċelloli identiċi. Dawn iċ-ċelloli jistgħu jiffurmaw organiżmi fi gruppi permezz tal-aderenza ċellolari. Il-membri individwali ta' kolonja kapaċi jgħixu waħedhom, filwaqt li l-membri ta' organiżmi multiċellolari reali żviluppaw speċjalizzazzjonijiet, u b'hekk jiddependu fuq il-bqija tal-organiżmu għall-għajxien. Tali organiżmi jiġu ffurmati bħala kloni jew minn ċellola ġerminali unika li kapaċi tifforma d-diversi ċelloli speċjalizzati li jiffurmaw l-organiżmu adult. Permezz ta' din l-ispeċjalizzazzjoni, l-organiżmi multiċellolari jirnexxilhom jisfruttaw ir-riżorsi b'mod iktar effiċjenti miċ-ċelloli uniċi. Madwar 800 miljun sena ilu, bidla ġenetika minuri f'molekola unika, l-enzim GK-PID, jaf wasslet biex l-organiżmi jgħaddu minn organiżmu uniċellolari għal organiżmu multiċellolari.
Iċ-ċelloli evolvew metodi ta' perċezzjoni tal-mikroambjent tagħhom u ta' tweġiba għalih, u b'hekk tejbu l-adattabbiltà tagħhom. Is-sinjalar taċ-ċelloli jikkoordina l-attivitajiet ċellolari, u b'hekk jirregola l-funzjonijiet bażiċi tal-organiżmi multiċellolari. Is-sinjalar bejn iċ-ċelloli jista' jseħħ permezz ta' kuntatt dirett bejn iċ-ċelloli bl-użu tas-sinjalar ġustakrin, jew b'mod indirett permezz tal-iskambju ta' aġenti bħal fis-sistema endokrinali. F'organiżmi iktar kumplessi, il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tista' sseħħ permezz ta' sistema nervuża ddedikata.
Fl-univers
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm il-ħajja hija kkonferma biss fid-Dinja, bosta jaħsbu li l-ħajja ekstraterrestri mhux biss hija plawżibbli, iżda probabbli jew inevitabbli, u x'aktarx li tirriżulta f'kożmoloġija bijofiżika minflok sempliċi kożmoloġija fiżika. Pjaneti u qmura oħra fis-Sistema Solari u sistemi pjanetarji oħra qed jiġu eżaminati għal evidenza ta' sostenn tal-ħajja sempliċi fl-imgħoddi, u proġetti bħal SETI qed jippruvaw jindividwaw trażmissjonijiet bir-radju minn ċivilizzazzjonijiet aljeni possibbli. Postijiet oħra fi ħdan is-Sistema Solari li jaf jospitaw il-ħajja mikrobika jinkludu s-sottoswol ta' Marte, l-atmosfera superjuri ta' Venere, u l-oċeani tas-sottoswol ta' wħud mill-qmura tal-pjaneti ġganteski.
L-investigazzjoni tat-tenaċità u tal-versatilità tal-ħajja fid-Dinja, kif ukoll il-fehim tas-sistemi molekolari li xi organiżmi jużaw biex jibqgħu jgħixu f'kundizzjonijiet estremi, huma importanti għat-tfittxija tal-ħajja ekstraterrestri. Pereżempju, il-likeni jaf jibqgħu ħajjin għal xahar f'ambjent simulat ta' Marte.
Lil hinn mis-Sistema Solari, ir-reġjun madwar stilla sekwenzjali prinċipali oħra li jaf isostni ħajja bħal dik tad-Dinja fi pjaneta bħad-Dinja huwa magħrufa bħala ż-żona abitabbli. Ir-raġġi interni u esterni ta' din iż-żona jvarjaw skont il-luminożità tal-istilla, l-istess bħall-intervall ta' żmien li matulu tgħix iż-żona. Stilel iktar enormi mix-xemx għandha żona abitabbli ikbar, iżda jibqgħu fuq is-"sekwenza prinċipali" bħal tax-xemx tal-evoluzzjoni stellari għal intervall ta' żmien iqsar. Il-pjaneti nani ħomor żgħar għandhom il-problema opposta, b'żona abitabbli iżgħar li hija soġġetta għal livelli ogħla ta' attività manjetika u għall-effetti ta' llokkjar mareali minn orbiti fil-qrib. Għaldaqstant, l-istilel fil-medda tal-massa intermedja bħax-xemx jaf ikollhom probabbiltà akbar li tiżviluppa fihom ħajja bħal tad-Dinja.
Il-pożizzjoni tal-istilla fi ħdan galassja jaf taffettwa wkoll il-probabbiltà li tifforma ħajja. L-istilel f'reġjuni b'abbundanza akbar ta' elementi tqal li jistgħu jiffurmaw pjaneti, flimkien ma' rata baxxa ta' avvenimenti ta' supernova li potenzjalment jagħmlu ħsara lill-ħabitats, għandhom probabbiltà akbar li jospitaw pjaneti b'ħajja kumplessa. Il-varjabbli tal-ekwazzjoni ta' Drake jintużaw biex jiġu diskussi l-kundizzjonijiet fis-sistemi pjanetarji fejn iċ-ċivilizzazzjoni tista' teżisti bl-ikbar probabbiltà, fi ħdan inċertezza kbira. Ġiet proposta skala ta' "Kunfidenza tad-Detezzjoni tal-Ħajja" għar-rapportar ta' evidenza tal-ħajja lil hinn mid-Dinja.
Artifiċjali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ħajja artifiċjali hija s-simulazzjoni ta' kwalunkwe aspett tal-ħajja, pereżempju permezz tal-kompjuters, tar-robotika jew tal-bijokimika. Il-bijoloġija sintetika hija qasam ġdid tal-bijoteknoloġija li tgħaqqad flimkien ix-xjenza u l-inġinerija bijoloġika. L-għan komuni huwa d-disinn u l-kostruzzjoni ta' funzjonijiet u sistemi bijoloġiċi ġodda mhux misjuba fin-natura. Il-bijoloġija sintetika tinkludi d-definizzjoni mill-ġdid wiesgħa u l-espansjoni tal-bijoteknoloġija, bl-għanijiet aħħarin li jkunu jistgħu jiddisinjaw u jibnu sistemi bijoloġiċi b'inġinerija li jipproċessaw l-informazzjoni, jimmanipolaw is-sustanzi kimiċi, jipproduċu l-materjali u l-istrutturi, jipproduċu l-enerġija, jipprovdu l-ikel, u jieħdu ħsieb iż-żamma u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Knoll, Andrew H. (2011). "The Multiple Origins of Complex Multicellularity". Annual Review of Earth and Planetary Sciences. 39: 217–239. Bibcode:2011AREPS..39..217K. doi:10.1146/annurev.earth.031208.100209.
- ↑ "24.1B: Fungi Cell Structure and Function". Biology LibreTexts (bl-Ingliż). 2018-07-15. Miġbur 2026-05-11.